Il-ħelsien rridu ngħixuh f’dak li nagħmlu, fil-mod kif immexxu, u fl-għażliet li nieħdu kuljum

Din il-ġimgħa fakkarna mument importanti fl-istorja ta’ pajjiżna – Jum il-Ħelsien. Jum li bidel id-destin ta’ ġensna: it-tmiem tal-ħakma, il-ħelsien veru ta’ Malta mill-kolonjaliżmu.

Għax dak li ġara fil-31 ta’ Marzu tal-1979 ma kienx biss bidla, jew kisba simbolika. Kien il-mument fejn Malta, għall-ewwel darba fl-istorja tagħha, ħadet f’idejha d-destin tagħha. Mingħajr suldati barranin. Mingħajr kontroll jew indħil ta’ forzi esterni. Pajjiż sovran, li jimxi bil-pass tiegħu, fuq l-għażliet tiegħu.

U llum, f’dinja mimlija inċertezza u tensjoni; gwerer fil-qrib tagħna, kriżijiet ekonomiċi u instabbiltà globali; nifhmu aktar minn qatt qabel kemm kien deċiżiv dak il-pass. In-newtralità kostituzzjonali ta’ Malta mhijiex kelma fuq karta. Hija għażla strateġika, għażla ta’ paċi, ta’ stabbiltà u ta’ serħan il-moħħ għall-poplu tagħna.

Jum il-Ħelsien huwa wkoll tifkira li l-libertà li ngħixu llum ma ġietx b’kumbinazzjoni. Ġiet b’sagrifiċċji. B’determinazzjoni. B’viżjoni politika ċara u kuraġġuża li poġġiet lill-Malta l-ewwel. U rridu ngħiduha kif inhi: kien Gvern Laburista li mexxa dan il-proċess storiku, li għamel il-qabża ’l quddiem, u li ta lil pajjiżna l-libertà sħiħa tiegħu.

Illum, dik il-viżjoni tissokta. Għax anke f’nofs il-maltemp globali, Malta tibqa’ pajjiż stabbli, sigur u b’ekonomija b’saħħitha. Mhux għax għandna xi bakketta maġika. Imma għax kellna mexxeja li bnew ekonomija reżiljenti, li jintervjenu fejn hemm bżonn, u li jipproteġu lill-familji u lin-negozji mill-impatti tal-kriżijiet internazzjonali.

Dan mhux kumbinazzjoni u wisq anqas garantit. Dan huwa riżultat ta’ għażliet politiċi ċari. U huwa għalhekk li din l-istabbiltà u ċ-ċertezza ma nistgħux nieħduhom for granted.

Fl-istess waqt, naraw ukoll min jagħżel li jifred flok jgħaqqad. Mentalità li tqiegħed l-interess politiku qabel dak nazzjonali.

Imma aħna nafu aħjar minn hekk. Aħna poplu li jaf li l-istorja tiegħu għandha tgħaqqdu. Li jaf li l-libertà trid tiġi mħarsa kuljum, mhux biss minn theddid estern, imma wkoll minn ħakmiet ġodda: il-mibegħda, iċ-ċensura, il-klassiżmu, id-diżinformazzjoni u l-fake news.

Għax il-vera ħelsien illum għandu jgħix fina, f’dak li nagħmlu, fil-mod kif immexxu, u fl-għażliet li nieħdu kuljum.

U għalhekk, illum, mhux biss niftakru, imma nikkonfermaw fiex nemmnu. F’Malta li tibqa’ soda, li tibqa’ ħielsa, u li tibqa’ timxi ’l quddiem.

U f’dan l-ispirtu, inġorru l-ħolma ta’ Mintoff f’qalbna, f’moħħna u f’xogħolna ta’ kuljum fil-Parlament Ewropew – fejn l-interess ta’ Malta għalina jibqa’ dejjem l-ewwel u qabel kollox.

U issa, aktar minn qatt qabel, irridu nuru dan b’mod ċar. Il-futur ta’ pajjiżna jiddependi fuqna lkoll.

Visited 4 times, 1 visit(s) today

Leave A Comment