Mill-President tal-Parlament Ewropew nippretendu inqas retorika, u iżjed azzjoni

L-Iżrael qed tikkommetti delitti tal-gwerra.

Dan hu dak li kiteb l-ex Prim Ministru Iżraeljan, Ehud Olmert, f’gazzetta Iżraeljana:

THAT SAY WE SHOULD STARVE GAZA
WHAT IS IT IF NOT A WAR CRIME?

Madwar l-Ewropa, ir-realtà li ilna ngħidu, li l-Iżrael qed tikkommetti ġenoċidju, qed tibda taqbad.

Il-President Macron qed jgħid li hemm bżonn miżuri iktar ħorox kontra l-Iżrael.

Il-Kanċillier Ġermaniż Merz qed jgħid li dak li qed tagħmel l-Iżrael ma jistax jibqa’ ġustifikat bħala ġlieda kontra l-Hamas.

Il-Prim Ministru tar-Renju Unit, Kier Starmer issospenda negozjati ta’ kummerċ mal-Iżrael u l-Gvern qal li dak li qed jagħmel l-Iżrael mhuwiex moralment ġustifikabbli.

Ħafna oħrajn qed jirrealizzaw li l-istorja se tkun iebsa fuq min ma opponiex dan il-ġenoċidju.

L-appell li nagħmel, kważi kull ġimgħa, huwa biex anke l-Parlament Ewropew ma jibqax passiv quddiem l-oxxenitajiet tal-Gvern Iżraeljan. Quddiem Gvern li lest juża l-ġuħ kontra l-innoċenti bħala arma tal-gwerra.

Anke f’Malta, kulħadd induna li l-pożizzjoni passiva ta’ Roberta Metsola hija waħda kontra d-drittijiet umani.

Qaltilna li marret Gaza.

Marret tara l-ġuħ li qed ibati dan il-poplu?

Marret tara l-oqbra ta’ 20,000 tifel u tifla li nqatlu?

Marret tara it-tifrik bla rażan?

Le, marret sa dik li tissejjaħ point of entry flimkien mas-suldati Iżraeljani f’eżerċizzju kkordinat li kellu juri li l-Gvern Iżraeljan ħalla ftit trakkijiet ta’ għajnuna umanitarja jidħlu. Ftit wara reġgħu għalqu kollox u ħallew lil kulħadd bla ikel, bla mediċini u bla bżonnijiet bażiċi.

Li fl-ewwel jiem żbilanċjat ruħha ma kienx biżżejjed. Issa spiċċat ukoll parti mill-propaganda ta’ Netanyahu.

Mill-President tal-Parlament Ewropew nippretendu inqas retorika, u iżjed azzjoni.

Li qed jiġi mitlub huma suppost prinċipji li lkoll, bħala Ewropej, inħaddnu.

Li bħala Unjoni Ewropea nirrispettaw il-Qorti Kriminali Internazzjonali.

Il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola, fuq nett, għandha tirrikonoxxi li dan huwa ġenoċidju. Li dak li qed jagħmel Netanyahu huwa delitt tal-gwerra.

Jasal jgħidha anke ex Prim Ministru Iżraeljan.

Għalfejn daqshekk diffiċli tgħidha l-President tal-Parlament Ewropew?

Visited 8 times, 1 visit(s) today