Malta – Pajjiż żgħir b’vuċi soda u rispettata

Fl-aħħar jiem, Malta temmet b’suċċess it-terminu tagħha bħala membru tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti u bħala President tal-OSCE – żewġ rwoli prestiġjużi li wrew il-kapaċità u l-kredibbiltà ta’ pajjiżna fuq livell globali.

Din il-ġimgħa, id-Deputat Prim Ministru tagħna kien wieħed fost tmienja biss li huma rappreżentanti ta’ Gvernijiet oħra u li ġew mistiedna għall-inawgurazzjoni tal-President Amerikan.

Din is-sena wkoll, Malta se tieħu r-riedni tal-Presidenza tal-Kunsill tal-Ewropa.

Dan kollu mhux b’kumbinazzjoni. Dan huwa r-riżultat ta’ ħidma ħabrieka u determinata tal-Gvern Laburista, li għamel minn kollox biex isaħħaħ ir-reputazzjoni ta’ Malta fid-dinja.
Ħdimna b’mod konsistenti, b’saħħa u b’viżjoni ċara, biex inwasslu lil pajjiżna fejn jixraqlu – pajjiż żgħir b’vuċi soda u rispettata.

Imma ejja nkunu ċari. Waqt li aħna nkomplu naħdmu biex ngħollu isem Malta, hemm min kontinwament jipprova jdgħajjef ir-reputazzjoni tal-pajjiż barra minn xtutna, għal skopijiet politiċi. Dan l-aġir mhux biss żbaljat imma jagħmel ħsara diretta lil Maltin kollha.

Aħna, għall-kuntrarju, għandna missjoni ċara – li nibnu Malta aktar b’saħħitha, imsejsa fuq l-għaqda fost il-poplu tagħha.

Nemmnu bis-sħiħ fil-potenzjal ta’ pajjiżna, li jista’ jagħmel aktar minn dak li naħsbu li hu possibbli. U se nibqgħu naħdmu, mhux biss biex niddifendu l-interess nazzjonali, iżda biex nibnu futur fejn kull ċittadin Malti jħossu kburi b’pajjiżu.

Għax għalina, Malta kienet u tibqa’ tiġi l-ewwel – dejjem u kullimikien.

Visited 6 times, 1 visit(s) today