Lezzjoni Amerikana

Donald Trump reġa’ lura fil-White House wara kampanja li sfruttat ir-rabja u s-sens ta’ abbandun ta’ miljuni ta’ Amerikani li jħossuhom minsijin. Din ir-rebħa ma kinitx biss ritorn politiku, iżda risposta ta’ komunitajiet rurali li ilhom isofru minn inugwaljanzi ekonomiċi, bidliet teknoloġiċi, u sens ta’ tradiment minn dawk li suppost jirrappreżentawhom.

Trump, b’diskors sempliċi u stil konfrontattiv, ġibed lejh lil dawk li raw il-fabbriki jagħlqu, il-pagi ffriżati, u opportunitajiet jitnaqqru. Huwa sfrutta l-frustrazzjoni tagħhom u ppreżenta ruħu bħala l-unika vuċi li tifhem il-ħtiġijiet tagħhom u mhux tisfruttahom.

Min-naħa l-oħra, l-amministrazzjoni ta’ Joe Biden għamlet diversi suċċessi, iżda naqset fl-immaniġġjar tal-inflazzjoni u tal-immigrazzjoni, li komplew jikkontribwixxu għall-firda u l-għadab. L-enfasi tal-Partit Demokratiku fuq kwistjonijiet bħall-klima u l-innovazzjoni kienet meħtieġa, iżda spiss naqset milli tgħaqqad dawn it-temi mas-sentiment ta’ dawk li jħossuhom imwarrba.

Għalina fl-Ewropa, hemm lezzjoni importanti minn dan kollu. Hekk kif niffukaw fuq l-innovazzjoni u t-transizzjoni ekoloġika, irridu nassiguraw li l-politiki jindirizzaw ukoll l-isfidi tal-ħaddiema u tal-klassi tan-nofs. Jekk irridu nsaħħu il-fiduċja tan-nies fil-proċess demokratiku, irridu noffru soluzzjonijiet li jaħsbu f’kulħadd, mhux biss f’dawk li ħobżhom maħżuż.

Il-progress sostenibbli jrid ikun wieħed inklużiv li jagħraf u jirrispetta l-frustrazzjonijiet ta’ dawk li nħanqu jipprovaw jinstemgħu. Hekk biss niżguraw li l-pajjiżi u l-popli tagħna jibqgħu stabbli u b’saħħithom.

Visited 3 times, 1 visit(s) today

Leave A Comment

Your email address will not be published. Required fields are marked *