L-Unjoni Ewropea trid tgħollilna l-kontijiet tad-dawl?

Ħa nkun ċar.

Malta għażlet li tħares lill-familji u lin-negozji tagħha. Investejna biljun ewro biex il-kontijiet tad-dawl jibqgħu baxxi – mhux għax faċli, imma għax hekk kien meħtieġ. Pajjiżi oħra għollew il-kontijiet u x’kienet il-konsegwenza? L-ekonomiji tagħhom krollaw, u l-familji u n-negozji tilfu it-tama.

Aħna ħadna triq oħra. Attwajna politika kuraġġuża li żammet l-orħos kontijiet fl-Ewropa. 

Ħolqot sfidi u piżijiet, imma aħna l-piż nerfgħuh u mhux nitfgħuh fuq in-nies. 

U xinhi l-pożizzjoni tal-Unjoni Ewropea f’dan kollu? 

Il-Kummissjoni Ewropea tridna naqtgħu s-sussidji, bl-argument tas-sostenibbiltà. Argument distakkat mir-realtà bbażat fuq żball kardinali – dak li jpoġġi lil kulħadd fl-istess keffa. 

Malta mhix bħall-bqija. Aħna gżira żgħira fil-periferija tal-Ewropa, fejn kollox jiswina aktar. 

U illum, minkejja l-isfidi kollha li affaċjajna, għandna ekonomija b’saħħitha.

Il-piż tas-sussidju qed jonqos, il-kaxxa tal-pajjiż tiflaħ għalih, u l-politika tagħna qed taħdem. 

Is-sussidji tagħna mhumiex sempliċi numri fuq karta – huma tarka għall-familji u għan-negozji tagħna, speċjalment f’dawn iż-żminijiet diffiċli. 

Għalhekk, il-messaġġ tiegħi huwa ċar: le għall-politika one-size-fits-all.

Jien se nibqa’ niddefendi l-interess nazzjonali biex dak li ħadem u tant ħalla impatt pożittiv jibqa’ fis-seħħ għall-ġid tal-familji u n-negozji Maltin.

Ħaddieħor daħħal is-surcharge, u aħna tajna u se nżommu s-sussidji.

Min irid jgħolli l-kontijiet tagħna għax ma jifhimx ir-realtajiet ta’ pajjiżna, għandu bżonn jifhem ħaġa waħda biss – f’Malta, l-ewwel u qabel kollox, nħarsu l-poplu tagħna.

Dan mhux kompromess. Dan huwa prinċipju. U mhux se nċedu.

Visited 5 times, 1 visit(s) today