Ġurnata nitkellmu fuq politika matura, u l-għada nagħmlu bil-kontra.
Ftit jiem ilu, attendejt programm ta’ diskussjoni fuq One Radio fejn konna qed niddiskutu t-traffiku.
Net News qatgħu biċċa minn argument tiegħi dwar it-traffiku b’titlu: “Daniel Attard ma jemminx li hawn traffiku f’pajjiżna.”
Naturalment, dan kien kollu barra mill-kuntest, bħallikieku kont qed nargumenta li m’hemmx traffiku, meta ovvjament mhux il-każ.
Minflok nitkellem fuq it-traffiku, xtaqt naqsam magħkom il-ħsibijiet tiegħi dwar dan it-tip ta’ ġurnaliżmu u midja.
Il-ħsieb huwa ċar hawnhekk.
Ipitter lill-avversarju politiku tiegħek bħala xi ħadd distakkat mir-realtà, xi ħadd li m’għandux sens komun billi taqta’ clip qasira. Imbagħad ittella’ fuq il-midja soċjali biex tiġbor likes u kummenti. B’dan il-mod, tista’ tgħajjar lill-Partit Laburista u lill-politiċi tiegħu bħala nies bla sens tar-realtà.
Dan it-tip ta’ midja jagħmel żewġ affarijiet.
L-ewwel nett, huwa diżrispettuż lejn l-udjenza tiegħu, għax jittrattaha bħallikieku mhix kapaċi tara l-manipulazzjoni amatorjali li qed isseħħ. It-tieni, iċaħħad id-diskussjoni vera u matura li għandha ssir fuq it-traffiku.
Għaliex inwaqqgħu l-politika għal dan il-livell tant bażiku u one-dimensional?
Din mhix xi ħaġa li tagħmel Net News biss. Jagħmluha wkoll ġurnalisti u newsrooms oħra, u dan jiġri wkoll f’pajjiżi oħra.
Jien ma naħsibx li din hija biss kwistjoni ta’ algoritmi jew midja soċjali, iżda hija wkoll allużjoni li dawn it-tip ta’ affarijiet jaħdmu fuq udjenzi partikolari. Jien nemmen li l-maġġoranza l-kbira tal-pajjiż tiddieħak b’dawn it-tip ta’ sforzi u li l-għatx għal politika matura jiżdied b’riżultat ta’ dawn l-artikli medjokri.
Punt ieħor li ta’ min isemmi huwa dan: meta kkritikajt esponenti tal-Partit Nazzjonalista, inkluż Bernard Grech, kulħadd ħa l-kritika għall-valur tagħha.
Iżda meta nikkritika lil Roberta Metsola, ninnota li jidħol fis-seħħ pjan t’azzjoni li jiġi mfassal u mwettaq, inkluż b’dan it-tip ta’ artikli biex ‘jirritornaw il-favur’.
Dan ifisser ħaġa ċara: Qed noqros.
Iżda tfisser ukoll li Roberta Metsola tgawdi lealtà ftit inkwetanti, fejn dak kollu li tagħmel huwa sagrosant, u kull min jikkritikaha jsir għadu li jrid jiffaċċja ritaljazzjoni.
Dawn it-tattiċi huma reminixxenti ta’ żmien is-Sovjetiċi.
Il-politika matura titlob aħjar.