Il-Kumitat għall-Infrastruttura tat-Trasport u t-Turiżmu (TRAN) tal-Parlament Ewropew jinsab f’pajjiżna għal missjoni uffiċjali mnedija mill-Membru Parlamentari Ewropew Laburista, l-Onor. Daniel Attard.
Il-missjoni għandha l-għan li tiddiskuti l-policies relatati ma’ dan il-qasam u l-proġetti fis-settur tat-trasport sostenibbli, il-konnettività, l-istrateġija turistika u l-iżvilupp reġjonali – b’attenzjoni partikolari fuq l-isfidi u l-potenzjal uniku ta’ Għawdex.
Matul din il-missjoni li bdiet ilbieraħ u se ddum tliet t’ijiem, id-delegazzjoni żaret numru ta’ proġetti infrastrutturali ta’ importanza nazzjonali li qed jittrasformaw lil Malta – proġetti strateġiċi u moderni ffinanzjati mill-Unjoni Ewropea li mhux biss itejbu l-mobilità, iżda jagħmlu differenza reali fil-kwalità tal-ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin.

Il-Kumitat żar siti ewlenin bħas-sistema shore-to-ship fil-Port il-Kbir – proġett rivoluzzjonarju fil-qasam tal-marittimu li jnaqqas drastikament it-tniġġis u jsaħħaħ l-effiċjenza fl-operat tal-port.
Din is-sistema hija meqjusa bħala mudell għall-bqija tal-Ewropa.
Il-membri tal-Kumitat żaru wkoll il-proġetti kapitali tal-Marsa Junction u tal-Mina ta’ Ħal Kirkop.
Dawn iż-żewġ inizjattivi infrastrutturali ta’ livell għoli ġew imwettqa grazzi għal fondi Ewropej. Dan l-investiment kien kruċjali biex titjieb b’mod konkret il-mobilità fil-pajjiż, tnaqqas il-konġestjoni u titjieb l-effiċjenza ekonomika u ambjentali.
Tul iż-żjara, il-Kumitat kellu wkoll laqgħat sostantivi fil-Parlament Malti, fejn ġew ippreżentati l-viżjoni tal-Gvern Malti f’dawn is-setturi importanti.
Il-membri tal-Kumitat TRAN iltaqgħu mal-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir l-Onor. Miriam Dalli, mal-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali l-Onor. Chris Bonett, kif ukoll mal-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar l-Onor. Clint Camilleri.
Il-Kumitat iltaqa’ wkoll mal-Membru Parlamentari Laburista u Chair tal-Kumitat Parlamentari għall-Affarijiet Ewropej l-Onor. Alex Muscat.
Dawn il-laqgħat kienu opportunità biex jintwera kif Malta taħdem b’serjetà u b’viżjoni fit-tul biex timplimenta politika ta’ sostenibbiltà, appoġġjata b’investiment qawwi u effettiv li qed jitħaddem mill-Gvern Laburista.

Fil-kumment tiegħu, l-Onor. Daniel Attard qal:
“Din iż-żjara mhijiex biss simbolika – hija mument importanti fejn Malta u Għawdex qed juru l-kisbiet tagħhom lill-Ewropa b’kburija u b’evidenza. Għandna pjaċir nikkonfermaw li din hija l-ewwel delegazzjoni uffiċjali tal-Parlament Ewropew li żaret Għawdex – reġjun li ilu jiffaċċja l-isfida ta’ insularità doppja, iżda li grazzi għal politika serja u fondi Ewropej qed iħares lejn il-futur b’kuraġġ u determinazzjoni.”
Sfortunatament, fost il-laqgħat Parlamentari, wieħed ma jistax ma jinnotax it-tkomplija ta’ attitudni negattiva u distruttiva min-naħa tal-Partit Nazzjonalista. F’laqgħa fil-Parlament, l-Opożiżżjoni Nazzjonalista għażlet li tattakka b’mod partiggjan flok tipproponi viżjoni alternattiva jew apprezzament tal-progress li qed isir. Din l-imġiba tkompli tagħmel il-ħsara lil Malta u lil Għawdex fuq livell Ewropew, u turi n-nuqqas ta’ serjetà mill-Oppożizzjoni meta jiġu għall-interess nazzjonali.