F’nofs is-sena li għaddiet, l-eks Prim Ministru Joseph Muscat u l-eks Deputat Prim Ministru Chris Fearne kienu fost lista ta’ madwar 19-il ruħ u kumpanija li tressqu l-Qorti abbażi tal-konklużjonijiet tal-inkjesta tal-Maġistrat Gabriella Vella.
Il-Maġistrat Gabriella Vella bbażat il-konklużjonijiet tagħha fuq rapport miktub minn numru ta’ esperti barranin, taħt id-direzzjoni tal-espert ewlieni Irlandiż Jeremy Harbinson. Rapport li sewa lill-pajjiż 11-il miljun ewro, u li ma kienx biss sors ewlieni tal-konklużjonijiet tal-inkjesta Vitals, imma l-pedament li fuqu inbena l-każ kontra Joseph Muscat, Chris Fearne, u l-bqija li skont il-Maġistrat Gabriella Vella, kellhom jaffaċċjaw proċeduri kriminali.
Pedament li issa kkrolla.
Il colpo di scena
Fl-aħħar xhur kienu diġà bdew jitqajmu dubji serji fuq l-awturi tar-rapport. L-‘esperta’ Miroslava Milenović ingħatat ċanfira mill-Qorti meta din ammettiet li ma kelliex warrant biex tipprattika bħala accountant, u li kienet għamlet “kors” ta’ ħames xhur fis-Serbja.
‘Għalfejn ma infurmajtx lill-Maġistrat Inkwirenti li m’għandekx warrant?’ kienet id-domanda tal-Qorti lil Milenović.
Iżda il colpo di scena wasal fl-aħħar jiem, meta affidavit, jew aħjar dikjarazzjoni ġuramentata tal-espert ewlieni Jeremy Harbinson ġab trietaq il-kredibilità tal-proċeduri li nbnew fuqu. Fl-affidavit, Harbinson jiddikjara li dak ir-rapport ma kellu qatt jintuża bħala bażi għall-prosekuzzjoni. Jgħid ukoll li hu ma rrakkomanda ebda prosekuzzjoni fuq ħadd. Saħansitra, Harbinson jikkonkludi li r-rapport tiegħu intuża għal skop li ma kienx iddisinjat għalih.
F’dan il-kuntest, Harbinson jgħid li hu tħallas biex jipprepara rapport, u mhux biex jixhed fi proċeduri legali. Jisħaq li xogħolu kien lest, u kwalunkwe biċċa xogħol oħra, inkluż ix-xhieda ta’ esperti fil-Qorti, kellha tkun koperta b’kuntratt separat u iktar flus. Madanakollu, fl-affidavit tiegħu Harbinson jisħaq li f’kull ċirkostanza, hu mhux se jiġi Malta għax issa irtira. Fi ftit kliem, dan jagħmilha ċara li issa żarma minn kollox, tant li rrinunzja mill-warrant u xolja l-kumpanija tiegħu, eżatt wara li kkonkluda r-rapport u għaddih lill-Maġistrat Inkwerenti.
Effettivament, dan ifisser li l-awtur tar-rapport; li fuqu bbażat il-konklużjonijiet tagħha l-Maġistrat Gabriella Vella u li serva bħala bażi ewlenija tal-każ kontra Muscat, Fearne, u l-bqija; issa beżaq is-sunnara u qed iwaħħel fil-Maġistrat Vella li użat ir-rapport għal skop ieħor, li ma kienx jaf li din kienet se tuża r-rapport tiegħu bħala bażi ewlenija għall-proċeduri legali, u wisq inqas li huwa kien mistenni li jiġi Malta biex jixhed f’dawk l-istess proċeduri.
U issa?
Issa tgħiduli, u issa? Dan kollu xi jfisser?
Id-dritt għal smigħ xieraq huwa pilastru fundamentali f’kull sistema ġudizzjarja serja. Kif jirriżulta f’diversi sentenzi tal-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem, mingħajr smigħ xieraq m’hemmx ġustizzja.
Għaldaqstant, fid-dawl tal-aħħar żviluppi, huwa ċar għal kull min hu ħieles mill-għamad politiku li l-Qorti m’għadx għandha bażi biex tkompli bil-proċeduri legali fil-konfront tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat u oħrajn.
Joseph Muscat, Chris Fearne, u l-bqija tal-akkużati tressqu abbażi tal-konklużjonijiet tal-inkjesta Vitals, liema inkjesta jidher li straħet fuq ir-rapport ta’ Harbinson. Issa li Harbinson stess iddikjara li dan ir-rapport ma kellux jintuża għal dan l-iskop, il-konklużjonijiet tal-Maġistrat Gabriella Vella u l-proċess innifsu ma fadallhom ebda bażi. Għalhekk, fid-dawl tal-aħħar żviluppi, il-Qorti għandha tiddeċiedi minnufih. Kull dewmien żejjed biex il-Qorti tiddeċiedi joħloq inġustizzja fih innifisu. Speċjalment meta wieħed iqis li għad hemm kontijiet bankarji ffriżati u nies li tilfu xogħolhom fuq każ li, kif jgħidu l-Ingliżi, issa huwa dead in the water. Din mhix kwistjoni ta’ fehma politika jew opinjoni, imma ta’ natura legali u proċedurali – fatti oġġettivi li ma jista’ jmerihom ħadd.
Ladarba l-każ jidher li kien mibni fuq ir-rapport ta’ Harbinson, il-fatt li dan qed jirrifjuta li jixhed fuq xogħolu stess ifisser li r-rapport ma jibqalu ebda valur legali. Dan għaliex id-difiża ma tistax tikkontesta r-rapport u għalhekk, tista’ titlob li dan ir-rapport jista’ jiġi sfilzat, ġifieri eliminat mill-atti tal-kawża. Jekk ma jiġix sfilzat, dan ma jingħatax piż f’kawża kriminali.
Dawn mhumiex konklużjonijiet politiċi, imma prinċipji legali stabbiliti mill-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem, li bl-aktar mod ċar tgħid li jekk espert jirrifjuta li jixhed fuq rapport li jintuża mill-prosekuzzjoni, dan jirriżulta fi ksur ta’ dritt fundamentali ta’ smigħ xieraq.
Mela jekk ir-rapport ta’ Harbinson ma jistax jiġi eżaminat u l-proċeduri legali huma mibnija fuq dan l-istess rapport, allura l-konklużjoni oġġettiva hija waħda: ma jibqa’ l-ebda bażi legali biex il-każ jitkompla.
Quddiem dan kollu, qed niffaċċjaw sitwazzjoni fejn l-Istat nefaq 11-il miljun ewro għal rapport li issa, ma jiswiex ċenteżmu fil-Qorti.
Dan iwassalni għal fatt ieħor.
Każ mibni fuq pedament li issa kkrolla
Dan il-fatt iqajjem mistoqsijiet serji ħafna. Ibda biex, għaliex il-Maġistrat għażlet li tibbaża l-konklużjonijiet tagħha fuq rapport li skont l-awtur innifsu, ma kellux iservi għal dak l-iskop?
Mistoqsija leġittima li ssir aktar pertinenti meta wieħed jiftakar li l-istess Maġistrat rrifjutat it-talba ta’ Joseph Muscat, u possibilment ta’ oħrajn, li jixhed quddiemha qabel ma din waslet għall-konklużjonijiet tagħha. Dan ukoll kien jistona mad-dritt tas-smigħ xieraq u r-retta amministrazzjoni tal-ġustizzja. Imma fid-dawl tal-aħħar żviluppi, iqajjem ħafna aktar dubji dwar il-proċess u l-konklużjonijiet tal-Maġistrat Gabriella Vella.
L-istess Maġistrat li rrifjutat li tirrikuża ruħha, minkejja li kien hemm talbiet validi biex tagħmel dan abbazi ta’ kitbiet politiċi kontra Joseph Muscat minn membri tal-familja tagħha, fost oħrajn.
Ilkoll fatti li jqajmu dubji serji dwar proċess ġudizzjarju li fin-natura tiegħu, dejjem kien se jkollu implikazzjonijiet serji fuq l-istat u fuq il-proċess demokratiku ta’ pajjiżna. Dan aktar u aktar fid-dawl tal-fatt illi jmiss.
Leaks kontinwi mill-proċess ġudizzjarju
Matul il-proċess tal-inkjesta maġisterjali, rajna leaks kontinwi u tixrid selettiv ta’ informazzjoni mill-inkjesta lill-midja, f’dak li kien tentattiv ċar ta’ influwenza fuq l-opinjoni pubblika.
Qisu l-Qorti tal-Facebook kienet iktar importanti mill-Qorti tal-Ġustizzja għal xi wħud.
Biżżejjed infakkar fil-preżenza ta’ Robert Aquilina wara l-bieb tad-dar tal-familja Muscat waqt il-famuż raid f’Burmarrad. Raid li fih kien involut ukoll dak li llum huwa kandidat tal-Partit Nazzjonalista – fatt li minnu nnifsu jqajjem aktar mistoqsijiet dwar kemm verament dan il-proċess kien xprunat mit-tiftix tal-ġustizzja, u mhux mill-vendetta politika.
Dan li qed ngħid mhu xejn għajr rendikont tal-fatti li għalkemm ma jdoqqux għal widnejn kulħadd, jibqgħu fatti u mhux opinjonijiet. Fatti li ma jista’ jmerihom ħadd.
U allura, filwaqt li fid-dawl tal-aħħar żviluppi ma fadal ebda bażi għall-proċeduri kriminali kontra Joseph Muscat, Chris Fearne, u l-bqija fil-mira tal-Inkjesta Vitals, l-istorja m’għandiex tieqaf hawn.
Jekk hemm każ ta’ abbuż mill-istituzzjonijiet, min hu responsabbli għandu jwieġeb.
Hekk biss tista’ ssir ġustizzja mal-poplu Malti.
F’dan il-każ m’hemmx lok għal apoloġiji. Il-poplu jixraqlu tweġibiet:
- Min kien qed jiżvela l-informazzjoni matul il-proċess tal-Inkjesta Maġisterjali?
- Għalfejn il-Maġistrat Inkwerenti bbażat il-konklużjonijiet tagħha fuq rapport li fi kliem l-espert li kitbu, ma kellux jintuża għal dak l-iskop?
- Għalfejn il-Maġistrat Inkwerenti rrifjutat li tisma’ lil min kienet qed tinvestiga qabel ma waslet għall-konklużjonijiet tagħha?
- Kien hemm terzi minn barra l-Maġistrat Inkwerenti li ppruvaw jikkomunikaw u jinfluwenzaw lill-esperti?
- Fuq liema bażi intgħażlu l-esperti, u għalfejn ma vverifikawx il-kwalifiċi tagħhom?
- Robert Aquilina kif kien jaf bid-data u l-ħin tar-raid fuq id-dar ta’ Joseph Muscat?
- Min se jagħmel tajjeb għal rapport li swiena 11-il miljun ewro, u li mingħajr ix-xhieda tal-awtur, fil-Qorti ma jiswa xejn?
Dawn huma mistoqsijiet leġittimi li għalihom il-poplu jrid u jixraqlu risposta. Mhux biss risposta, imma responsabbiltà.
Kif ilni nghid għal xhur twal, il-ġustizzja m’għandha qatt tkun għodda għall-persekuzzjoni politika. Jekk kien hemm abbuż, għandu jwieġeb kemm min abbuża mill-proċess ġudizzjarju, u kif ukoll min kien responsabbli minn dak il-proċess.
Meta wieħed iqis ir-riperkussjonijiet serji li ġab miegħu dan il-każ, din mhijiex biss kwistjoni ta’ ġustizzja, imma kwistjoni ta’ integrità istituzzjonali. L-użu ta’ rapport li l-awtur tiegħu stess jiddeskrivi bħala inadegwat għall-prosekuzzjoni ma tkissirx biss il-pedamenti tal-każ, imma tqajjem mistoqsijiet serji dwar kif ġiet amministrata din l-inkjesta u l-konklużjonijiet li ħarġu minnha.
Għaldaqstant, ladarba jintemmu il-proċeduri pendenti, għandu jingħata rendikont ċar u onest lill-pubbliku dwar kif tmexxiet din l-inkjesta maġisterjali.
Il-ġustizzja ma tistax tkun selettiva, u lanqas m’għandha tintuża bħala arma politika.
Kif ghidt sena ilu: ġustizzja iva, persekuzzjoni le.