Il-baġit għas-sena 2025 mhuwiex biss eżerċizzju fiskali iżda huwa wkoll direzzjoni ċara għall-futur ta’ Malta, imsejjes fuq rispons prattiku għall-isfidi attwali u b’viżjoni għal stabbiltà fit-tul ibbażata fuq il-kwalità.
Fi żmien ta’ inċertezza ekonomika globali, Malta ħarġet b’riżultati b’saħħithom, speċjalment fiż-żoni fiskali u ta’ inflazzjoni, fejn is-sussidju fuq l-enerġija ffranka lill-pajjiż ħafna uġigħ ekonomiku.
Id-deċiżjoni tal-gvern li jnaqqas it-taxxi hija pass kruċjali ħafna. Dan għaliex tirrikonoxxi l-pressjonijiet tal-inflazzjoni li aħna u pajjiżi oħrajn ilna nġarrbu b’mod speċjali matul dawn l-aħħar sentejn. Ta’ min li nfakkru wkoll li dan huwa l-akbar tnaqqis fit-taxxa f’għexieren ta’ snin u għalhekk se jkun qiegħed jagħti spinta tajba lill-ekonomija tagħna.
Huwa veru li l-inflazzjoni jista’ jkun li ftit ftit bdiet tonqos globalment, iżda huwa fatt li l-familji lokali għadhom qed iħossu sew dan l-impatt finanzjarju. Dan it-tnaqqis fit-taxxi għalhekk se jkun qiegħed iħalli aktar flus fil-bwiet tal-familji Maltin u Għawdxin u se jkun qed iħeġġeġ aktar infiq mill-konsumatur. Dan huwa bla dubju fundamentali ħafna għat-tkabbir ekonomiku u jkompli jgħin biex in-negozji tagħna jibqgħu jirnexxu u jissaħħu.
Din il-miżura hija xhieda tal-impenn li għandu l-gvern biex ikompli jibbilanċja l-ħarsien soċjali mar-reżiljenza ekonomika. Il-baġits tal-aħħar snin kienu kollha baġits b’saħħithom, mibnija fuq il-valuri soċjalisti u pproteġew lill-familji Maltin u Għawdxin mill-inflazzjoni. Il-baġit tas-sena d-dieħla kompla jibni fuq dawk passati billi żamm it-tajjeb ta’ qabel u kompla jsaħħaħ id-dħul b’miżuri b’saħħithom bħat-tnaqqis fit-taxxa. Bħalissa qegħdin f’sitwazzjoni fejn fuq naħa għandna gvernijiet Ewropej li qed ikomplu jgħollu t-taxxi u gvern Malti Laburista li qiegħed inaqqashom. Din is-saħħa ekonomika ta’ pajjiżna hija rikonoxxuta b’mod wiesa’ u qed isservi anki ta’ eżempju f’kuntest Ewropew.
Filwaqt li l-isfidi u l-ostakli globali tal-preżent jistgħu jwasslu biex it-tkabbir ekonomiku tagħna jimmodera ftit is-sena d-dieħla, dan il-baġit ħaseb għal dan u kompla għalhekk isaħħaħ il-pedament ekonomiku ta’ Malta u Għawdex filwaqt li kompla jiżgura li l-ħolqien tal-impjiegi u opportunitajiet ġodda għal aktar investiment jibqgħu fuq quddiem nett tal-prijoratijiet politiċi ta’ dan il-gvern.
It-tkabbir ekonomiku però ma jistax iwassal għad-detriment tal-istabbiltà soċjali jew dak ambjentali. Huwa proprju għalhekk li dan il-baġit kien wieħed iffukat fuq il-kwalità u mhux fuq il-kwantità. Fid-diskors tal-baġit ta’ din il-ġimgħa fil-fatt kien hemm ħafna referenzi għal dan. Din biss hija t-triq ‘il quddiem u l-pjan ta’ azzjoni għal futur sostenibbli għal pajjiżna.
U filwaqt li bħalissa ħadd mhu qed jitkellem fuq il-qgħad u n-nuqqas ta’ opportunitajiet f’pajjiżna għaliex dawn ġew prattikament eliminati, wieħed irid jibqa’ jiftakar li dan kien possibbli biss għaliex għandna ekonomija b’saħħitha li qed tpoġġi lil Malta f’pożizjoni li tibqa’ tinvesti aktar fl-edukazzjoni, fis-servizzi soċjali, fil-kura tas-saħħa u fil-ħolqien ta’ aktar impjiegi ta’ kwalità.
Dan il-baġit kien wieħed tajjeb propju għaliex irnexxielu jsib bilanċ f’dan kollu. Dan il-baġit qiegħed iwitti t-triq biex mhux biss negħlbu d-daqqiet ekonomiċi li jistgħu jirriżultaw minħabba l-isfidi globali preżenti iżda li nibqgħu wkoll nikbru u nirnexxu b’mod sostennibli. Il-baġit għas-sena 2025 għalhekk huwa gwida strateġika għal nazzjon aktar b’saħħtu u aktar reżiljenti li jagħti valur ugawli lis-saħħa ekonomika u lill-progress soċjali.