Illum id-dinja qed tgħix mument ta’ inċertezza kbira.
Il-kunflitt fil-Lvant Nofsani qed jeskala, u ħafna qed jippruvaw jissimplifikaw realtà li hija ħafna aktar kumplessa.
Il-pożizzjoni tiegħi dejjem kienet ċara u konsistenti.
Jien qatt ma kont u qatt ma jien se nkun favur il-gwerra. Il-gwerra hija dejjem falliment tad-diplomazija u l-bombi, filwaqt li kapaċi joqtlu dittatur, qatt m’huma se jibnu demokrazija.
Il-futur tal-Iran mhuwiex se jiġi deċiż mill-missili jew mill-potenzi barranin f’Washington jew f’Tel Aviv. Il-futur tal-Iran għandu jiġi deċiż mill-poplu Iranjan stess.
Din mhix pożizzjoni ġdida għalija.
Minn mindu bdejt dan il-mandat fil-Parlament Ewropew, bħala Viċi President tad-delegazzjoni responsabbli mir-relazzjonijiet mal-Iran, kont fost dawk li tkellmu b’mod ċar dwar ir-repressjoni brutali tar-reġim u s-sofferenza tal-poplu Iranjan.
Għaliex jiena qatt ma noqgħod lura milli nitkellem fuq dak li nemmen fih. U nagħmel dan b’konsistenza u b’konvinzjoni, u żgur li mhux b’konvenjenza jew sempliċiment biex nidher.
Tkellimt ma’ studenti, attivisti u żgħażagħ Iranjani li jixtiequ futur differenti. Futur ta’ libertà, ta’ dinjità, u ta’ opportunitajiet ugwali għan-nisa u l-irġiel.
U fl-istess ħin kull min isegwini jaf li jien kont u se nibqa’ fost l-aktar politiċi voċiferi fil-Parlament Ewropew u f’Malta dwar dak li seħħ f’Gaża u lil hinn. Ikkundannajt kemm-il darba, bla tlaqliq ta’ xejn il-ġenoċidju mwettaq mill-forzi Iżraeljani filwaqt li t-tmexxija tal-Parlament Ewropew baqgħet gallarija, għax ma kienx jaqbel li tagħmel mod ieħor.
U llum nikkundanna ukoll il-qtil tat-tfal innoċenti Iranjani li ma jaħtu xejn għal dak li qed jiġri madwarhom.
Għalija l-prinċipji ma jinbidlux skont min ikun il-vittma.
Il-verità hi li d-dinja llum qed tgħix mument ta’ instabbiltà kbira. Kunflitti, tensjonijiet ġeopolitiċi, u ekonomija globali fraġli mmens.
U proprju għalhekk irridu napprezzaw xi ħaġa importanti ħafna.
L-istabbiltà u ċ-ċertezza li għandna f’Malta.
Illum Malta hija fost il-ftit pajjiżi fl-Ewropa – jekk mhux l-uniku wieħed – fejn il-gvern qed jipproteġi lin-nies minn żidiet qawwija fil-prezzijiet tal-enerġija u tal-fjuwil.
Mhux għax għandna xi bakketta maġiku.
Imma għax għandna ekonomija b’saħħitha, mibnija fuq snin ta’ prudenza u tmexxija responsabbli minn gvern Laburista.
Dan ma nistgħux nieħduh bħala xi ħaġa ovvja.
F’dinja mimlija inċertezza, l-istabbiltà hija valur prezzjuż.
U hija responsabbiltà tagħna lkoll li nipproteġuha, li naħdmu għalija, u li meta jkun il-waqt, nivvotaw għaliha.