Ninsab Strasburgu għall-plenarja tal-Parlament Ewropew – fejn jittieħdu d-deċiżjonijiet dwar il-futur tal-Ewropa u fejn niddibattu temi kurrenti bħall-kunflitti li għaddejjin madwarna.
F’kull dibattitu li jkolli sehem fih, dejjem nisħaq fuq l-importanza tal-konsistenza – mhux li naqblu fuq kollox – anzi jekk hemm bżonn, ejja naqblu li ma naqblux.
Imma tal-inqas ejja nkunu konsistenti, jekk irridu nkunu kredibbli.
Qed ngħid dan kollu għaliex din il-ġimgħa quddiemna għandna dibattitu dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u s-saltna tad-dritt f’Malta.
S’hemmek konsistenti minn daqshekk – għaliex mandat ġdid, imma l-istess diska.
Imma filwaqt li rridu nfakkru l-memorja ta’ Daphne Caruana Galizia, fil-Parlament Ewropew sħaqt li jekk verament irridu nuru l-prinċipji tagħna fuq il-ġustizzja u fuq il-protezzjoni tal-ġurnalsiti, u mhux niskurjaw punti partiġjani,- allura bilfors li fl-istess nifs irridu nitkellmu dwar il-qtil ta’ 130 ġurnalist ftit il-bogħod minna, fil-Palestina.
Proprju fis-16 t’Ottubru tas-sena l-oħra inqatel Abdulhadi Habib, ġurnalist ukoll. Imma Palestinjan. Mal-għexieren ta’ ġurnalisti li nqatlu kien hemm iktar minn 16,000 tifel u tifla li mietu bl-iktar mod atroċi.
Dan il-Parlament ħaqqu aħjar. Dan il-Parlament jekk verament irid il-verità u l-ġustizzja tirrenja trid l-ewwel tirbaħ l-kredibilita’. U l-kredibiltá terbaħha bil-konsistenza.
Qed ngħid dan kollu mhux biex innaqqas mill-importanza li nfakkru lil Daphne Caruana Galizia, anzi. Imma hija wkoll surreali li l-Parlament jipprova jpinġi lil Malta qisha qiegħda f’tarf l-infern u m’għandiex lanqas id-diċenza ngħidu kelma fuq il-fatt li l-Parlament Ewropew mar ta vot ta’ fiduċja lil min qatel 128 ġurnalist u llum huwa akkużat ta’ vjolenza kontra l-umanità fil-Qorti Kriminali Internazzjonali.
Parlament li jaf ikun bulli maz-zgħir biex nidhru sbieħ mal-kostitwenza politika tagħna imma meta jigu l-kbarat fil-kamra li b’mod sistematiku joqtlu ġurnalisti u tfal, ma nlissnux kelma.