Il-filmat ta’ dak il-missier li f’daqqa waħda tilef iż-żewġ tewmin trabi tiegħu, li twieldu biss ftit jiem ilu, iqanqal sens qawwi ta’ dieqa.
Din it-tbatija hija xi ħaġa li bilkemm nistgħu nifhmu.
Il-missier, Mohammed Abu al-Qumsan, salva biss għax kien barra minn daru fuq qadja biex jirreġistra t-twelid tat-tfal tiegħu.
Asser u Ayssel twieldu erbat ijiem ilu.
Issa jinsabu taħt it-tifrik ma’ ommhom u nannithom.
Minn Ottubru ‘l hawn, il-ġlied ħalla 40,000 persuna Palestinjana mejta.
Minnhom, madwar 16,000 huma tfal.
Barra minn hekk, hemm 92,000 midruba u 10,000 ruħ li għadhom nieqsa.
Min-naħa Iżraeljana, hemm madwar 1,100 mejta u 9,000 midruba.
It-telf ta’ ħajja hija biss parti mid-devastazzjoni.
Nofs id-djar f’Gaza sfaw meqruda mill-attakki.
85% tal-iskejjel ukoll ġew attakkati.
Dan hu l-futur ta’ dan il-kunflitt.
Għal dak it-tfajjel jew żagħżugħ li tilef il-familjari tiegħu, ħutu, il-ġenituri, id-dar fejn kien jgħix, l-iskola fejn kien jitgħallem… x’baqagħlu?
Din id-dmija u din it-tbatija huma biss raġunijiet oħra fil-lista li ma tispiċċa qatt ta’ raġunijiet biex jieqaf il-ġlied.
Jeħtieġ li din il-vjolenza bla sens titwaqqaf b’waqfien mill-ġlied totali.
Għandna nibqgħu vuċi soda u magħquda biex dan iseħħ illum qabel għada.