Il-mod brutali li bih inqatlet Daphne Caruana Galizia, u oħrajn bħal Jan Kuciak u de Vries huwa kundannabbli f’kull sens.
M’hemm l-ebda skuża għal dak li ġara. Iżda ejja nkunu ċari. Dan id-dibattitu llum hu sempliċiment eżerċizzju politiku biex jitfa’ dell ikrah fuq pajjiżi.
Minn dakinhar, apparti l-arresti, Malta bidlet is-sistema ġudizzjarja, saħħet l-indipendenza tal-pulizija, u daħħlet riformi li frankament jistgħu jservu t’eżempju għal ħaddieħor. Imma naturalment il-fatti ma jfissru xejn lil min għandu storja diġà miktuba.
Li ma nistax naċċetta hi l-ipokrezija. Filwaqt li din il-Kamra ma titlifx okkażjoni biex tispezzjona lil Malta, tibqa’ siekta fuq il-130 ġurnalist li nqatlu f’Gaza. Tkellmu fuq Malta, mela le. Forsi għax aħna żgħar? Imma f’ġieħ is-sewwa, ejja nitkellmu ukoll fuq kif dan il-Parlament mar jagħti vot ta’ fiduċja lil min illum huwa akkużat bi vjolenza kontra l-umanità.
Ma nistgħux ngħidu li qed niddefendu l-istampa ħielsa waqt li nagħlqu għajnejna, jekk mhux niddiskriminaw kontra l-qtil ta’ ġurnalisti oħra fl-Ewropa u lil hinn.
Din mhix kwistjoni dwar Malta. Hija kwistjoni ta’ konsistenza.
Jekk irridu nkunu kredibbli, din il-farsa trid tieqaf.