Dan mument ta’ għajb għall-umanità

Filwaqt li l-Ewropa aljenata bi żmien il-festi, f’Gaża qed iseħħ ġenoċidju.

Il-qtil bla rażan ta’ nies innoċenti, it-tfal maqtula f’ħoġor ommhom, il-ġuħ, u t-tkissir sistematiku ta’ poplu sħiħ huma delitti kontra l-umanità u sfida sfaċċata lejn l-ordni internazzjonali.

Għalhekk m’hemmx lok għal aktar diskors ta’ solidarjetà. Fil-Palestina jridu ġustizzja u azzjoni mill-komunità internazzjonali. 

Rapporti minn organizzazzjonijiet bħal Amnesty International ikomplu jikkonfermaw dak li diġà nafuh: l-atti tal-Gvern ta’ Netanyahu huma attakki deliberati fuq poplu sħiħ. Saħansitra qed naraw ukoll attakk dirett fuq l-aġenzija tal-Ġnus Magħquda li twassal l-ikel u l-mediċini lil dawk l-aktar vulnerabbli.

Ma nistgħux nibqgħu indifferenti qisu xejn mhu xejn. L-indifferenza hija kompliċità. 

Għalhekk, qed nagħmel appell ċar: l-Unjoni Ewropea għandha b’vuċi waħda tirrikonoxxi l-mandati ta’ arrest tal-Qorti Kriminali Internazzjonali kontra min iwettaq dawn id-delitti. 

U għandna noffru appoġġ konkret biex issir ġustizzja.

Wara kollox, dan il-Parlament ma ddejjaqx joffri l-appoġġ tiegħu lil Netanyahu fl-ewwel sigħat tal-kunflitt. X’qed iwaqqafna issa? Fejn hi l-kundanna għal dak li ġara minn dakinhar?

Din hija kwistjoni ta’ kredibilità – kemm għall-Ewropa kif ukoll għall-ordni internazzjonali li suppost nirrispettaw u niddefendu.

Il-ġustizzja mhijiex għażla skont il-konvenjenza, u ma nistgħux nagħmlu eċċezzjonijiet skont il-pajjiż, il-gvern, jew il-familja politika. Il-ġustizzja trid tkun konsistenti, inkella nkunu qed nitilfu kull kredibilità.

Dan il-Parlament ma jistax jibqa’ sieket quddiem dak li qed iseħħ f’Gaża.

L-agħar ħaġa li nistgħu nagħmlu hija li ma nagħmlu xejn.

Id-dinja qed tħares lejna. F’dan iż-żmien tal-Milied, ejja nuru li l-prinċipji tagħna mhumiex kliem vojt. Ejja nkunu l-vuċi tas-sewwa, tal-umanità, u tal-ġustizzja!

Visited 2 times, 1 visit(s) today