Meta deputat jibki għall-inġustizzji li għadda minnhom… u l-oppożizzjoni tidħaqlu f’wiċċu… hemmek tara x’tip ta’ politika ħakmet lill-Partit Nazzjonalista.
L-alternattiva li qed joffru lil pajjiżna. Politika ta’ firda. Ta’ żebilħ. Ta’ mibgħeda.
Ta’ min iħares ‘l isfel, jistmerr u jgħajjar lil min ma jaqbilx miegħu. Din mhux politika imma partiġġjaniżmu li dejjaq lil dawk kollha ta’ rieda tajba.
Irrispettivament mill-kulur politiku.
Dawk li f’Malta jridu l-ġustizzja, mhux il-persekuzzjoni.
Dawk li jemmnu fl-empatija, mhux fit-tpattija.
Dawk li jridu l-għaqda, mhux il-firda.
Il-politika m’għandhiex tkun dwar l-estremiżmu, imma dwar it-triq tan-nofs.
Dwar kif mid-differenzi ta’ bejnietna ngħarfu dak li jkun fl-interess komuni.
Din hi l-politika li nemmen fiha u nixtieq nara f’Malta tagħna.
Mhux li naqblu fuq kollox. Imma li nkunu kapaċi naqblu li ma naqblux.
B’rispett. B’dinjità. B’kolleġġjalità.
Għax bin-nuqqasijiet kollha tagħna, aħna lkoll aħwa Maltin.