Dak li qed jiġri fl-Iran illum m’għadux episodju iżolat ta’ protesti. Huwa sinjal ċar ta’ sistema li kkrollat. Eluf inqatlu. Eluf oħra ġew arrestati. Il-ġustizzja fl-Iran saret strument ta’ repressioni.
Il-protesti li qamu fl-aħħar ġimgħat huma differenti minn dawk tal-imgħoddi. Mhux biss għax kienu mifruxa fuq il-pajjiż kollu, iżda għax jirriflettu realtà ekonomika u soċjali li saret insapportabbli. Ir-rial Iranjan, fil-prattika, tilef il-valur tiegħu. Għal ħafna familji, il-ħajja ta’ kuljum saret ġlieda biex jgħixu. Din mhijiex kwistjoni astratta. Hija realtà konkreta li qed tolqot miljuni ta’ nies.
Ir-rispons tar-reġim kien wieħed sproporzjonat u aggressiv, bi vjolenza kiefra fuq il-poplu vast tal-Iran. L-internet u kull forma ta’ komunikazzjoni ta’ żmienna ġew imblukkati. Saru eluf t’arresti arbitrarji, u proċessi ġudizzjarji bbażati fuq id-direzzjoni tar-reġim u mhux fuq il-liġi. Ingħataw kundanni severi fuq akkużi bla ebda bażi ta’ xejn. L-għan mhux u qatt ma kien l-infurzar tal-liġi. Imma li jnissel biża’ u jsikket, bis-sewwa jew bid-dnewwa, li kull min jazzarda jsemmu leħnu.
Fl-ewwel sena tiegħi fil-Parlament Ewropew, ġejt fdat bir-responsabbiltà li nservi bħala Viċi President tad-Delegazzjoni għall-Iran. Dan ir-rwol tani l-opportunità nsegwi mill-qrib is-sitwazzjoni u nisma’ direttament minn Iranjani li jaspiraw għal futur differenti. Il-konklużjoni hija waħda ċara: il-poplu Iranjan jistħoqqlu aħjar.
Il-Parlament Ewropew ilu snin jikkundanna dawn l-abbużi. Issa wasal il-mument li l-kliem jissarraf f’azzjoni. Ir-riżoluzzjoni li se tiġi diskussa fil-plenarja li ġejja titlob ir-rilaxx immedjat ta’ dawk kollha miżmuma minħabba li eżerċitaw id-drittijiet fundamentali tagħhom, tisħaq fuq il-ħtieġa ta’ responsabbiltà internazzjonali, u terġa’ tafferma l-pożizzjoni ċara dwar l-IRGC.
Iżda l-azzjoni Ewropea m’għandhiex tkun biss reazzjoni. Għandha tkun proposta għal futur li jappartjeni lill-Iranjani nfushom. Futur mibni fuq istituzzjonijiet demokratiċi, responsabbli u inklussivi.
Kurdi, Ażeri, Għarab, Turkmeni, Persjani, Bahá’í u komunitajiet oħra: id-diversità tal-Iran hija riżorsa u opportunità li toffri potenzjal kbir. Biss teħtieġ sistema politika li tirrispettaha, mhux waħda li timponi ideoloġija waħda u tikkastiga l-bqija.
Il-messaġġ għandu jkun ċar: il-vjolenza ma ġġibx stabbiltà. Il-biża’ ma tibni u ma tassigura ebda futur. U l-kuraġġ ta’ poplu mxebba u bil-għatx għall-futur aħjar jiżboq it-terrur tal-ħakkiem.
Il-poplu Iranjan jistħoqqlu l-libertà tal-espressjoni, il-libertà tal-ħsieb u futur mibni fuq dinjità u tama. U jekk l-Ewropa ma tiddefendix dawn il-valuri meta jkunu mhedda b’mod daqstant ċar, inkunu qed nittradixxu mhux biss lill-poplu Iranjan, iżda wkoll il-prinċipji tagħna stess.