Ma tistax ma tħossx diżappunt kbir meta tara deputati Nazzjonalisti fi Brussell, b’direzzjoni mid-Dar Ċentrali, jingħaqdu ma sħabhom fil-Partit Popolari Ewropew, biex jorganizzaw dibattitu ieħor kontra Malta.
Iva, kontra pajjiżhom stess.
Għax fil-Parlament Ewropew, flok jiddefendu isem Malta, qed jimbuttaw dibattitu ieħor li jixħet dell fuq pajjiżna. U dan meta l-fatti juru mod ieħor.
Pajjiżna għamel passi kbar: bir-riformi tal-ġudikatura u fil-ħatra tal-Kummissarju tal-Pulizija, bit-tisħiħ tal-istituzzjonijiet u bil-protezzjoni tal-ġurnalisti.
Dan kollhu qed isejħulu rigress. Qed jgħidu li morna lura.
Però Malta biss għandha MEPs li jaħdmu kontra pajjiżhom stess.
Imkien ma tara tiġri fi Brussell din it-tip ta’ politika.
Però meta jitkellmu kontra Malta, ma jitlifx biss il-Gvern, imma aħna lkoll: il-familji, in-negozji, il-ħaddiema.
Ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna.
Għalhekk aħna, il-Maltin u l-Għawdxin ta’ rieda tajba, irridu nibqgħu magħqudin quddiem dibattitu ieħor kontra Malta. Iżda l-Partit Laburista, aħna se nkunu l-vuċi għal pajjizna. Għal Malta u Għawdex tagħna.
Għax aħna hekk hu t-twemmin tagħna. Li nkunu fejn inkunu u nkunu ma’ min inkunu, għalina Malta dejjem l-ewwel u qabel kollox.
Għax aħna nafu li mill-ġid igawdi kulħadd u mill-ħsara jbati kulħadd.
U għalhekk, meta jattakkaw lil Malta, ikunu qed jattakkaw lil kull wieħed u waħda minna.