Din il-ġimgħa segwejna lkoll segwejna d-deċiżjoni storika tal-Gvern Malti, u tal-Prim Ministru Robert Abela li fil-Ġnus Magħquda, irrikonoxxa formalment lill-Istat Palestinjan.
Deċiżjoni kuraġġuża li tqiegħed lil pajjiżna fil-kamp tal-paċi u tal-ġustizzja.
U ejja nkunu ċari.
Din mhijiex kastig għall-Iżrael, u lanqas xi premju għall-Palestina.
Din hi rikonoxximent tad-dritt tal-poplu Palestinjan li jfasslu l-futur tagħhom stess f’pajjiżhom.
Kien hemm min qal li din kienet deċiżjoni simbolika jew waħda li ttieħdet tard wisq.
Jien ngħid li tfisser ħafna iktar minn hekk.
Din id-deċiżjoni toffri t-tama, tagħti vuċi lil poplu persegwitat, u tibgħat messaġġ ċar u qawwi lill-Gvern Iżraeljan biex itemm l-okkupazzjoni illegali.
Il-Palestina għandha bżonn il-ġustizzja.
Id-dinja għandha bżonn il-paċi. U Malta, b’din id-deċiżjoni, qed tkun fuq in-naħa t-tajba tal-istorja.