Għaddiet sena minn mindu l-eks Prim Ministru Joseph Muscat ġie akkużat fil-Qorti wara li ntemmet inkjesta maġisterjali.
L-establishment fil-Partit Nazzjonalista – magħmul minn fazzjoni estrema u oħrajn li ilhom jikkontrollaw il-partit għal għexieren ta’ snin – qatt ma ħafru lil Joseph Muscat.
Għax ‘daqxejn ta’ tifel’ – kif kienu jsejjħulu – rebħilhom għal għaxar darbiet infila.
Dawn huma l-istess nies li neħħew lil Adrian Delia minn Kap tal-Partit Nazzjonalista minkejja vot demokratiku mit-tesserati. Huma l-istess nies li se jwaqqfu lil Bernard Grech jekk jazzarda jgħolli rasu.
Joseph Muscat, flimkien ma’ ħafna oħrajn, illum jinsab il-Qorti, seduta wara l-oħra, jistenna proċess li jista’ jdum snin.
Iżda dawk li verament għandhom jiġu mistoqsija – l-awturi tal-inkjesta – mhumiex fil-Qorti. Kien l-espert ewlieni li kisser il-ftit kredibbiltà li kien fadallu dan il-proċess, meta f’affidavit, fi kliemu stess, iddikjara li xogħolu qatt ma kellu jintuża biex jitressqu nies il-Qorti.
Sa llum hu u l-kollegi tiegħu – hekk imsejjħa esperti – jibqgħu jirrifjutaw li jiġu Malta biex jagħtu rendikont tax-xogħol tagħhom. Xogħol li tħallsu tajjeb għalih: madwar 20 miljun ewro.
Dawn l-20 miljun ewro spiċċaw għand kumpaniji li llum m’għadhomx jeżistu.
Kumpaniji li ġew xolti biex ħadd ma jkun jista’ jinżamm responsabbli. Jew, għall-inqas, hekk qed jittamaw.
Kont, għadni, u nibqa’ nemmen li dan hu każ ta’ persekuzzjoni politika.
Persekuzzjoni politika għax l-għan mhuwiex ġustizzja li ma tħares lejn wiċċ ħadd, imma attakk dirett fuq persuna li, elezzjoni wara l-oħra, wassal lill-Partit Nazzjonalista fix-xifer.
Persekuzzjoni politika għax Joseph Muscat ma baqax biss avversarju politiku – imma għamluh ukoll għadu personali.
Sena ilu ħasbu li rebħu, għax eks Mexxej Laburista tela’ t-taraġ tal-Qorti.
Għalihom, il-ktieb kien ngħalaq. Iżda ftit wara, indunaw li dak kien biss il-bidu.
L-istorja ta’ dan il-każ ta’ persekuzzjoni politika għadha trid tinkiteb.
U kif għamilt sa mill-ewwel jum, jien se nibqa’ niġġieled kontra kull forma ta’ persekuzzjoni politika – b’kuraġġ, b’lealtà lejn il-fatti, u b’impenn sħiħ lejn il-ġustizzja.
Għax persekuzzjoni politika hija attakk fuq l-istat u fuq il-poplu sovran.
Dik mhix imġieba demokratika.
Dik mhix imġieba Ewropea.
Dik mhix imġieba ta’ min għandu l-kuraġġ.
Imma hija imġieba ta’ min jemmen li għandu dritt divin li jiggverna.
Ta’ min jemmen li jekk ma jilgħabx, iħassar.
Ta’ min joffri biss il-biża’.
Kontra l-biża’, aħna rridu noffru t-tama.
Kontra l-persekuzzjoni, aħna rridu noffru l-ġustizzja.
Kontra l-ħsara, aħna rridu noffru l-ġid.
Għax fi kliemhom stess, fl-aħħar, is-sewwa jerbaħ żgur.