Wara din il-binja fil-Belt Valletta, twieldet Malta kif nafuha llum.
Hawnhekk, aktar minn 100 sena ilu, grupp ta’ ħaddiema iltaqgħu biex jorganizzaw ruħhom. Mhux biex jilmentaw fuq dak li ma kellhomx. Imma biex iqumu għal futur fejn il-ħaddiema, il-familji, u l-komunità jingħataw dak li jixirqilhom: id-dinjità, ir-rispett, u l-opportunità.
Hawnhekk twieled il-Partit Laburista. Hawnhekk twieled moviment mibni fuq il-ġlieda għall-ġustizzja soċjali, għall-ħelsien, u għall-progress. Moviment li sfida l-poter u l-inġustizzja, moviment li ġab il-bidla għax kellu l-kuraġġ li jaġixxi. L-istess valuri li aktar tard għenu biex Malta timxi lejn l-Indipendenza, lejn ir-Repubblika u lejn il-Ħelsien.
Fil-13 ta’ Diċembru tal-1974, ħadna pass li ma kienx biss wieħed simboliku, imma kien pass storiku. Ir-Repubblika ma kinitx biss deċiżjoni politika, imma dikjarazzjoni ta’ sovranità u għaqda nazzjonali. Malta li ħadet id-destin tagħha f’idejha. Malta li għarfet li l-ħelsien veru ma jkunx komplut sakemm kulħadd ikollu d-dinjità li tistħoqqlu.
Minkejja dan il-progress, irridu niftakru li din it-triq ma kinitx faċli. Niftakru f’ismijiet bħall-mara kuraġġuża – Carmela Bencini – li fetħet id-dar tagħha għall-ewwel laqgħat tal-Moviment tal-Ħaddiema. Hija kienet il-bidu ta’ storja fejn il-kuraġġ individwali sar kuraġġ kollettiv, u fejn min ma kellux vuċi, sabha permezz ta’ moviment mibni fuq il-valuri universali.
50 sena wara, dan l-ispirtu għadu ħaj. Għax ir-Repubblika mhix tifkira jew episodju tal-passat. Ir-Repubblika hija wegħda. Wegħda li rridu nġeddu kuljum. Wegħda li Malta tibqa’ pajjiż fejn ħadd ma jaqa’ lura, fejn l-opportunità hija dritt u mhux privileġġ, u fejn il-progress ma jieqaf qatt.
Illum, ħafna mill-affarijiet li nieħdu for granted – bħall-welfare state, il-housing soċjali, l-edukazzjoni u s-saħħa b’xejn – dawn ma kinux rigali tal-istorja. Dawn kienu kisbiet iebsa, miksuba minn ġenerazzjonijiet ta’ Maltin u Għawdxin li għażlu li jfasslu l-futur tagħhom b’idejhom.
Din mhix storja romantika tal-passat. Hija storja ta’ kuraġġ, ta’ azzjoni, u fuq kollox, hija storja ta’ bidla.
Din hija r-realtà li rrid inkun parti minnha: politika li tagħmel differenza diretta fil-ħajja tan-nies.
Illum qed ngħixu żminijiet fejn il-progress huwa mhedded minn dawk li jippreferu l-istatus quo. Imma l-istorja tal-Partit Laburista tgħallimna li kull kisba kienet miksuba b’kuraġġ, mhux biż-żamma ta’ dak li hu komdu.
Għaliex faċli tkun konservattiv u tirreżisti l-bidla u l-progress. Inqas faċli li jkollok il-kuraġġ li timxi kontra l-kurrent, li tirriforma, u li twettaq bidliet meħtieġa għall-ġid komuni.
Jien se nibqa’ naħdem għal politika li ċċaqlaq l-affarijiet ’il quddiem, mhux sempliċement iżżomm l-affarijiet kif inhuma.
Dan huwa l-mandat tiegħi u l-wegħda tiegħi: li nibqa’ naħdem għal pajjiż fejn ix-xogħol ikun dinjituż, fejn il-ġustizzja soċjali tkun realtà għal kulħadd, u fejn ħadd ma jaqa’ lura. Politika li tibni fuq kuraġġ biex naġixxu u viżjoni biex nirnexxu.
Hekk kif nersqu lejn l-2025, irridu niftakru li Malta dejjem kienet akbar mill-isfidi li għaddejna minnhom. Malta ta’ kuraġġ, mhux tal-biża’. Malta li tagħmel dak li jidher impossibbli, realtà.
U allura l-messaġġ tiegħi għas-sena l-ġdida huwa wieħed ċar: ejja nibqgħu ngħożżu l-għeruq tagħna, imma fl-istess ħin ejja nkabbru l-ġwienaħ tagħna wkoll.
Ejja jkollna l-kuraġġ li nfasslu futur fejn kull persuna tħoss li għandha l-ispazju, il-libertà, u d-dinjità biex taspira għal ħajja aħjar. Dan huwa dak li tfisser ir-Repubblika. Din hija Malta li nemmen fiha.
Minn qalbi nawguralkom sena ġdida mimlija ġid, saħħa, u tama.