Malta, omm ġens li qatt ma ċeda. Mill-maltemp tal-ħakma sal-bnazzi tal-ħelsien, għażilna triqitna b’rieda, qlubija u għaqal. Illum, niċċelebraw 50 sena minn meta sirna Repubblika – pass kuraġġuż ta’ poplu li emmen fih innifsu u ħa f’idejh il-kontroll tad-destin tiegħu.
Ir-Repubblika kienet frott il-ħolm u l-perseveranza ta’ missirijietna. Huma qamu għall-ġustizzja, għall-ħelsien, u sawru ġens mibni fuq tama li ma tidbielx. Tama li tibqa’ tgħix f’ulied pajjiżna u li ddawwal il-perkors ta’ nazzjon.
Din mhix biss storja ta’ suċċessi. Hija storja ta’ sfidi u ta’ għażliet iebsa li ħadna flimkien. Kull pass ħolqa fil-katina tal-progress ta’ ġensna: ġens magħqud, b’identità soda u b’responsabbiltà lejn il-ġenerazzjoni li jmiss.
F’dan il-jum speċjali, irridu nfakkru mhux biss dak li ksibna, imma wkoll dak li għad irridu niksbu. Irridu nibqgħu nibnu Malta ġusta u ħielsa – Malta fejn kulħadd jista’ jgawdi opportunitajiet indaqs. Flimkien jeħtieġ li nkomplu nsaħħu lil Malta tagħna.
Malta tiegħi, u jien tiegħek. F’qalbi u f’moħħi, dejjem u kullimkien.