Għaddew tliet xhur mill-bidu tal-mandat tiegħi bħala Membru Parlamentari Ewropew.
Kienu tliet xhur li matulhom ħdimna kemm flaħna biex kif tajna kelma waqt il-kampanja elettorali, nħarsu l-interess ta’ Malta u l-Maltin fl-Unjoni Ewropea.
Naturalment, bid-diskors jingħad ħafna imma l-ġudizzju, bħal dejjem, għandu jkun ibbażat fuq il-kisbiet.
Kisbiet mhux għalija personali. Imma li permezz tagħhom nista’ nxejjer bi kburija l-bandiera ta’ pajjiżna.
Fost oħrajn kien hemm l-aħbar li qsamt magħkom fl-aħħar sigħat illi sħabi l-Ewroparlamentari fdawni bi rwol ta’ Viċi President ta’ delegazzjoni importanti tal-Parlament Ewropew. Id-delegazzjoni Ewropea għall-Iran.
Rwol li jgħabbini bir-responsabbiltà li fiċ-ċokon tiegħi, nikkontribwixxi għall- paċi dejjiemi fil-Lvant Nofsani. Naturalment, din il-pożizzjoni tintrabat id f’id ma’ dik tal-Gvern Malti favur soluzzjoni ta’ żewġ stati.
Imma l-ħidma ma tieqafx hemm.
Fl-ewwel diskors tiegħi fil-Parlament Ewropew, tkellimt b’saħħa biex niddefendi d-dritt ta’ Malta li tipproteġi lill-familji tagħna mill-kriżi tal-enerġija. Għalina bħala gżira, l-isfidi huma differenti, u ma nistgħux inħallu l-prezzijiet tal-enerġija jogħlew bla kontroll. Għandna nkomplu nipproteġu lin-nies tagħna minn pressjonijiet esterni.
Barra minn hekk, f’ittra li ktibt ll-Kummissjoni Ewropea tkellimt kontra l-one-size-fits-all fil-qasam marittimu. La f’dan il-qasam, u f’ebda settur ieħor, l-Ewropa m’għandha qatt tpoġġi lil kulħadd fl-istess keffa.
U din se tibqa’ l-missjoni tiegħi fix-xhur li ġejjin. Li ma nkunx biss vuċi oħra fil-Parlament Ewropew. Imma tarka ta’ Malta u Għawdex fl-Ewropa.